Manuel,

Qed niktiblek wara li qrajt l-ittra ta’ wieħed mill-qarrejja tiegħek li int ippubblikajt il-bieraħ u l-artiklu tiegħek fejn qed tgħid li hemm min diġà qed iwaħħal fik għar-riżultat ta’ l-elezzjoni għall-PN. Bħal dak il-qarrej tiegħek, jiena wkoll ilni nsewgi dak li tikteb u tippublika għal dawn l-aħħar 4 snin u nofs. Xtaqt ngħidlek li nammira ħafna l-kuraġġ, id-dedikazzjoni u fuq kollox il-perseveranza tiegħek u ta’ dawk il-persuni ta’ rieda tajba u bil-għatx għall-ġustizzja.

Ilni ngħix barra minn Malta 11-il sena. Is-Sibt li għadda ma nżiltx Malta biex nivvota. Kont diġà qalbi maqtugħha li xi ħaġa tista’ tinbidel. Kultant naħseb li hemm xi ħaġa mhix f’postha fil-“ġenetika” Maltija, fil-karattru Malti. Bħalissa qed insegwi ħafna dak li qed jiġri r-Russja, kif ħafna Russi, minkejja kollox, xorta jappoġġjaw lil Putin. Ikolli ngħid li l-Maltin mhux wisq differenti mir-Russi f’dan l-aspett. Jekk minhix sejjer żball, il-Malti spiss “akkomoda ruħu” għall-ħakkiem. Fi żmien l-Għarab f’Malta, ħafna Maltin ma tantx qagħdu jaħsbuha biex “isiru musulmani”. Spiss tisma’ min jgħid “għada ħadd ma rah” – allura nara x’nista’ nieħu llum. Ħafna Maltin kienu jfaħħru u jammiraw lill-Ingliżi, minkejja li kienu kolonizzaturi – “if you can’t beat them, join them.”

Joseph Muscat – dak li beda t-tifrik tal-fibra soċjali f’Malta – huwa bniedem makakk u qarrieq – l-aqwa con artist li qatt ra l-pajjiż. Jaf kif taħdem il-psikoloġija tal-poplu Malti, jaf li l-Maltin mhux se jagħmlu bħall-Franċiżi u joħorġu jipprotestaw għal kull ħaġa ta’ xejn. Jaf li l-Malti dejjem għex taħt il-ħakkiem. Jaf li l-Malti dejjem għaraf jadatta ruħu għall-ħakkiem tiegħu u li jaf joqgħod kwiet jekk jakkwista l-loqma tiegħu mingħajr wisq tbatija – jistħoqqlu jew le.

Il-ġustizzja soċjali, il-ġid komuni, futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li għadhom telgħin – ħafna lanqas jafu x’inhuma, jew jekk semgħu bihom jagħmlu minn kollox biex minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ. Sakemm ma jinqarasx direttament, il-Malti jaf joqgħod kwiet u anki jappoġġja lil min ikun qed jisraq, jisloħ u jwettaq inġustizzji kbar.

Il-mara tad-dar taħsel ġewwa, forsi l-bankina ta’ quddiem il-bieb ta’ barra u kif tkun lesta twaddab l-ilma maħmuġ barra, imbasta mill-għatba ‘l ġewwa nadif. Naf li qed niġġeneralizza, imma mhux darba jew tnejn rajt dawn l-affarijiet isiru fit-30 sena li għamilt ngħix Malta. Sirt nieħu pjaċir naqra l-blog ta’ l-ex president tal-kunsill nazzjonali tal-ktieb – Mark Camilleri, li jidher li bidel ħafna l-ħsieb tiegħu dwar il-PL u t-tmexxija tiegħu, u anki sar ammiratur ta’ Daphne. Però kellu jinqaras fil-laħam il-ħaj. Sakemm kien għadu “jgawdi magħhom,” ħafna drabi mera s-sewwa magħruf.

Nemmen li issa hemm 3 affarijiet li għandhom isiru matul dal-5 snin li bdejna llum.

  1. Tkompli tinbena oppożizzjoni b’saħħitha – PN, ADPD, ngo’s bħal Repubblika, media indipendenti bħal The Shift. Hemm bżonn li jinkiteb ħafna iktar bil-Malti, għax ħafna m’għandhomx idea tal-Ingliż.
  2. Protesti u nies fit-toroq. Din hija l-iktar ħaġa li jibżgħu minnha d-dittaturi kollha fid-dinja. In-nies fit-toroq hija imprevedibbli – jista’ jinqala’ kollox – p.e. Malta qabel l-1987 (diżubbidjenza ċivili, l-Imnarja, tal-Barrani, fost l-oħrajn), l-Orange Revolution fl-Ukraina 2004-05, ir-Rivoluzzjoni Eġizzjana fl-2011 li tajjret lil Mubarak wara 30 sena u l-Arab Spring, il-protesti tal-2019 f’Malta li wasslu għall-waqa’ tal-Invictus.

Irid jinbena momentum qawwi biex sal-elezzjoni li jmiss, dawk li kellhom qalbhom maqtugħa bħali, jagħmlu kuraġġ u jivvutaw minħabba t-tama li tkun nibtet fihom.

Nemmen li mhux se tkun diffiċli li n-nies tinżel fit-toroq. Illum qabel għada se tinħass il-kriżi ekonomika f’Malta wkoll. Il-greylisting, prezzijiet ogħla fuq il-fuel u allura kontijiet ogħla tal-elettriku u l-ilma, l-għoli tal-ħajja (il-ħobż u dawk il-prodotti kollha b’xi mod marbutin mal-qamħ), nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ tal-passaporti. Dan kollu jalimenta r-rabja u r-rabja taf tkun motivatur qawwi li toħroġ in-nies mid-dar.

Ma’ dawn il-fatturi għandu jitkompla l-isforz għall-ġustizzja fil-pajjiż. Tassew li dawk il-160,000 persuna li vvutaw labour ma jriduhiex il-ġustizzja. Dik id-diska ma ddoqqilhomx għal widnejhom. Ma jridx jisma’ b’ġustizzja min ingħata job mal-gvern – hu jew xi ħadd jiġi minnu – mingħajr ma kien jistħoqqlu; min ġab xi permess tal-bini li mhux suppost inħareġ; min qabeż fuq quddiem tal-waiting list għal xi operazzjoni minflok stenna meta kien imissu hu. Ma jridux jisimgħu b’ġustizzja dawk li jkunu qed jistennew fil-kjù fl-irħula wara l-bibien tal-uffiċċji tal-ministri u membri parlamentari biex jitolbu xi pjaċir, minflok ma japplikaw b’mod normali u jgħaddu mill-proċeduri kollha. Ma jridux jisimgħu b’ġustizzja dawk li l-unika kwalifika għal job mal-gvern hija li tkun canvasser jew ħabib ta’ canvasser ta’ membru parlamentari.

Ma nafx kif u meta, imma kliem Eddie jagħtini ftit kuraġġ fi żminijiet bħal dawn – is-sewwa jirbaħ żgur.

  1. Għandha tiġi emendata l-liġi elettorali sabiex ċittadini Maltin li jgħixu barra minn Malta jkunu jistgħu jivvutaw mill-pajjiż li jkunu qed jgħixu fih. Hemm min jgħid li aħna li bħalissa qed ngħixu barra m’għandniex dritt nivvutaw. U allura jien nistaqsi: Inti taf kemm ilni ngħix barra u jekk għandix intenzjoni li nerġa’ lura? Forsi għadni kif tlaqt mill-pajjiż għal raġunijiet li m’għandix għalfejn ngħidhomlok u għandi l-ħsieb li niġi lura mill-iktar fis possibbli. Inti taf kemm-il sena ħdimt u ħallast taxxa f’Malta? X’aktarx diġa ħallast aktar taxxa u kkontribwejt għall-ġid tal-pajjiż ferm iktar minn dawk il-parassiti li moħħhom biss kif se jkomplu jerdgħu mill-kaxxa ta’ Malta, kif se jkomplu jieklu l-ikbar biċċa tal-kejk mingħajr ma jagħtu xejn lura.

Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-eluf ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta ma tivvutax labour! Min jgħix ġo pajjiż normali, fejn il-ħsieb u l-orizzonti tiegħu inħelsu mill-parrokkjaliżmu Malti, fejn il-baħar li jdawwar il-ġżira m’għadux l-ikbar fruntiera għalih – ma jissapportix jara l-istupru ta’ Malta.

Manuel, nittama li dawn il-ftit kelmiet jagħtuk ftit iktar perseveranza fix-xogħol tiegħek.

Tislijiet u kuraġġ,