My speech at yesterday’s vigil in Valletta:
Nixtieqkom tilbsu ż-żarbun tas-sorsi li kixfu dak li nafu fuq il-korruzzjoni f’pajjiżna.
Meta l-whistleblowers tkellmu sentejn jew sena ilu ħadu riskji kbar. Xebgħu jaħbu għall-imbruljuni u stħaw flok sħabhom li baqgħu jagħlqu għajnejhom. Ħadu riskji kbar. Tilfu xogħolhom u għal xi żmien il-libertà tagħhom. Esponew ‘l uliedhom għal periklu u għal xi ħin iċċaħħdu minnhom.
Tkellmu. Taw l-informazzjoni li kienu jafu. U ma ġara xejn.
Qatlu lil Daphne Caruana Galizia. U ma ġara xejn.
Għaddew seba’ xhur ta’ protesti. U ma ġara xejn.
Ħarġu aktar stejjer fuq l-istampa internazzjonali li kkonfermat dak li qalu. U ma ġara xejn.
Dan hu pajjiż fejn ma jiġri xejn. Fejn kollox jindifen u jintesa.
Ilbsu ż-żarbun tagħhom illum. Għadna nippretendu minnhom. Imma x’jedd għandna nippretendu li jibqgħulhom it-tama u l-għatx għall-ġustizzja li mmotivawhom sena jew sentejn ilu? Issa jafu li esponew irwieħhom għal xejn.
Ilbsu ż-żarbun tagħhom meta l-gvern jgħidilhom li qabel itihom il-protezzjoni tal-liġi, iridu jgħidu kull ma jafu. Imma javżhom li jekk jgħidu kull ma jafu u jiddeċiedi li ma jtihomx il-protezzjoni tal-liġi jitfagħhom il-ħabs.
Ilbsu ż-żarbun tagħhom meta l-gvern jgħidilhom li jridhom hawn biex iwieġbu għall-paroli fuqhom li qal frodist li qabel qafluh ġo ċella stieden lill-kbarat kollha għat-tieġ tiegħu l-Italja.
Ma ġara xejn b’li kixfet Daphne. Ma ġara xejn meta qatlu ‘l Daphne. Ma ġara xejn b’li kixfu ta’ The Daphne Project.
Mela għalfejn qegħdin hawn?
Emmnuni, nixtieq li għandi xi soluzzjoni politika x’intikom. Ilkoll nafu ngħoddu u kollha nafu li nistgħu ngħożżu r-raġun tagħna imma m’għandniex in-numri għal xi risposta politika ġdida.
Il-verità li thedded sistema politika sħiħa; li toħloq il-bżonn ta’ tibdil mill-qiegħ; ta’ ċaqlieq ta’ ġenerazzjoni politika sħiħa kompromessa u mixtrija, m’hux se jkun fuq l-aġenda tal-politiċi.
Ejjew nirrikonoxxu kemm ftit huma l- kelliema politiċi, żgħar jew kbar, li tkelllmu fuq l-iskandli ta’ korruzzjoni u l-iskandlu li ġurnalista nqatlet f’pajjiżna tikxef dawn l-iskandli.
Il-gvern joffri viżjoni rappreżentata minn għexieren t’eluf ta’ partitarji jappoġġjaw b’isteriżmu lil gvern okkupat minn min missu ilu li irreżenja biex iħalli lill-pulizija tinvestigah. F’dik il-viżjoni m’hemmx spazju għall-memorja tax-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia, tas-sagrifiċċju ta’ wliedha u tax-xogħol tal-ġurnalisti li komplew fejn ħalliet.
L-oppożizzjoni toffri viżjoni rappreżentata minn diskorsi ta’ min iwiegħed futur sajfi b’partit ieħor fil-gvern. Iżda anke dik il-viżjoni ma tħallix spazju għall-memorja tax-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia, tas-sagrifiċċju ta’ wlieda u tax-xogħol tal-ġurnalisti li komplew fejn ħalliet.
Kif taħseb fuq is-sajf t’għada waqt li tinsa u tnessi x-xitwa li qed ngħixu llum?
Emmnuni, nixtieq li għandi xi soluzzjoni politika li tħalli lill-klassi politika preżenti tibqa’ tgħid li trid u minflokom tirbaħ alternattiva li trid tibdel ir-realtà ta’ madwarna. Hawn m’hawnx wegħda ta’ żmien aqwa għada. Hawn hawn ir-rabja għad-dlam fuq iż-żmien tal-lum.
Mela għalfejn qegħdin hawn?
Għax f’demokrazija hemm responsabbiltà li ma jerfgħuhiex il-politiċi u ma jerfgħuhiex il-ġurnalisti. Dawn għandhom il-funzjoni tagħhom. Bejniethom hemm il-funzjoni ta’ soċjetà ċivili li tgħarbel il-verità li jwasslulha l-ġurnalisti u jaħbulha l-politiċi.
F’Malta, is-soċjetà ċivili dejjem kienet l-orfni tal-proċess demokratiku tagħna. Meta partit fil-gvern għakkes id-demokrazija u ggverna kif jaqbel bwiet il-ħakkiema flok il-ġid ta’ kulħadd, investejna t-tama tagħna f’partit alternattiv u fittixna bidla politika biex nirbħu bidu ġdid.
Iżda l-alternanza m’għadhiex biż-żejjed.
Wasal iż-żmien tal-permanenza. Wasal iż-żmien ta’ kuxjenza ċivili li tgħid ċar u tond li m’hix tfittex l-elezzjoni ta’ partit fuq ieħor imma qed tfittex li l-ġustizzja u l-verità, il-liġi u d-dritt, il-ħniena u l-umanità biex jaħkmu dejjem u fuq il-gvern tal-ġurnata.
Din m’hix biċċa xogħol li tkun taf li rnexxiet meta jirreżenja xi ħadd. Lanqas meta xi partit jitlef u jitla’ ieħor minfloku. Għalina li nfittxu l-ġustizzja, m’hemmx ċelebrazzjonijiet fl-aħħar tat-triq.
Għax it-tiftix tas-sewwa m’għandux wasla: il-premju qiegħed kull darba, meta xi darba, inniggżu l-kuxjenza ta’ ġens li għad s’issa ma jridx jisma’.
Daphne Caruana Galizia għamlet dan weħidha. Tħalluniex weħidna. Tħallux min jibqa’ jaħsibna sħaħar u qħab, imġienen u tradituri, għejjura u ddisprati.
Ma jistax ikun li kull min jitniffes b’imħabba għal pajjiżu jibqa’ jissikket b’dan il-mod. Ma nistgħux inħallu li l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia tkun qatlet magħha t-tama u r-rieda li jirbaħ is-sewwa.
Ejja nuru li ħadd ma jsikkittna. Ħadd ma jidfnilna t-tama. Ħadd ma jaqtgħalna r-rieda li naraw li jirbaħ is-sewwa.